Żmien twil ħafna ilu, fi żmien meta kont tieħu r-ritratti b’kameras kbar bix-shutters u żviluppati fi friskaturi mimlijin kimika, kien hemm tifla żgħira jisimha Bettina. Xagħarha kien aħmar u kienet tieħu gost issabbat saqajha. Kienet imqarba ħafna.
Ġurnata waħda, mardet serjament u kellha tgħaddi żmien twil, magħluqa ġo sptar enormi w mudlam li verament kellu bżonn jitranġa. Fl-isptar, kollox kien qed jaqa’ biċċiet. Iż-żebgħa kienet qed tinqala’ minn mal-ħitan. Il-liftijiet kienu jitheżżu w iżarżru. It-tifla, żgħira w mgħaddma bin-nuċċali, ma kellha lil ħadd ma’ min tidħak u tgħaddi ż-żmien miegħu, imma peress li ma kienet tibża’ minn xejn, kienet sikwit toħroġ bil-lejl, inkiss, inkiss, mill-kamra fejn kienet rikoverata. Kienet tieħu gost timxi mal-kurituri mudlama, hi u toħlom x’kienet tirranġa li kieku mank kellha xi għodda – ara, kienet tross dawn il-viti kollha f’posthom, kienet twaħħal dak il-madum, hemm, fejn kien qed jinqala’ minn mal-ħajt, u tagħti laqgħa żebgħa kullimkien.
Wara li għaddew xi snin u Bettina kienet kibret u saret xbejba sabiħa, it-tobba rnexxielhom ifejquha. Tħalliet tmur lura d-dar u terġa’ tibda tmur l-iskola. Kienet saret tfajla intelliġenti b’manjieri tajba.
Riedet tagħmel tajjeb għaż-żmien li kienet tilfet – kienet studenta tħabrek u wara l-iskola, kienet ħietet għaliha basket minn qalziet qadim tal-koldroj. Kien basket vera sabih b’ħafna bwiet u b’post apposta għall-portmoni ta’ Bettina.
Bettina, jew Eliżabetta kif issa għandna nsemmuha (għax issa kienet tfarfret sew mhux ħażin) kienet interressata wkoll fil-fotografija. Daħlet fi skola fejn kienu jgħallmuk xi jkun hemm ġo kamera tar-ritratti, kif kont tinnaviga l-buttuni u r-roti kollha fil-post kif suppost biex ir-ritratt joħroġ iffukat u bl-ammont xieraq ta’ dawl, u kif tiżviluppa r-ritratt ġo ħafna friskaturi ta’ kimika differenti ġo post li jissejjaħ il-kamra l-mudlama.
Matul dawn il-lezzjonijiet, fejn kienet qed titgħallem fuq dawn l-affarijiet misterjużi, iltaqgħet ma’ ġuvni jismu Chris. Dan Chris dejjem kellu tbissima fuq fommu u kellu barżakka wara dahru li fiha kien iżomm mappa. Chris kien joħlom li jivvjaġġa mad-dinja.
Minn dakinhar ‘l quddiem, ma kontx tara lil wieħed mingħajr l-oħra. Eliżabetta, bil-magna tal-ħjata li kellha, ħietet lil Chris ċinga għall-kamera tiegħu. Bdew jesploraw fabbriki abbandunati qodma, jitilgħu fuq munzelli ta’ ġebel u jixxabtu fuq ċumniji għoljin tal-fabbriki. F’ċertu waqt, ħadd ma jaf eżatt meta, bdew jinħabbu u ddeċidew li jiżżewġu, avolja flus ma kellhomx biex iħallsu għall-festin tat-tieġ. Eliżabetta ħietet libsa tat-tieġ għaliha u ħbiebhom għenuhom jippreparaw għat-tieġ.
Eliżabetta qatt ma kienet tmur imkien mingħajr il-basket tagħha li fih kienet iżżomm it-teżori tagħha li ħafna drabi kienet issib bżonnhom. Per eżempju, fi triqithom lejn it-tieġ, waqa’ wieħed mid-dwal tal-karozza u Eliżabetta minnufih ħarġet ħames viti u turnavit minn but tal-basket tagħha u invitat id-dawl f’postu. Eliżabetta kienet iżżomm il-basket tagħha nadif u pulit. Qatt ma kont issib imbarazz fih, imma kien hemm seba’ biċċiet taċ-chewing gum li wieħed kien jista’ juża biex iwaħħal madum lura mal-ħajt; jew inkella kienet tista’ toffrihom lil ħbiebha. Kien fih ukoll erba’ affarijiet biex tikteb bihom – pinna, biro, marker u l-lapis li bih kienu ffirmaw iċ-ċertifikat taż-żwieġ. Kien hemm ukoll qafla twila seba’ metri f’każ ta’ emerġenza.
Kienu kuntenti ħafna flimkien u spiss kienu jibdlu d-dar tagħhom.
Kull meta kienet tiġri xi ħaġa interessanti fid-dinja, Chris, kien jara fejn kien il-post fuq il-mappa tiegħu, w imbagħad arahom fis jitilqu biex jinvestigaw. Kienu jieħdu r-ritratti u l-films, umbagħad kienu jibgħatu l-materjal li jkunu ġibdu lill-gażżetti u t-televixin. Chris kien tgħallem ukoll itir biex hekk kienu jkunu jistgħu jmorru fil-postijiet fejn kienu qed jiġru l-affarijiet interessanti, aktar malajr. Fil-vjaġġi tagħhomm kienu jiltaqgħu ma’ ħafna nies interessanti li kienu dejjem jistiednu jmorru iżuruhom id-dar. Kienu jieħdu gost jorqdu f’tinda u jkantaw kanzunetti b’kitarra, bilqegħda madwar in-nar tal-kamp.
Eliżabetta kienet dejjem lesta għal dak li jista’ jinqala’. Fit-tieni but tal-basket tagħha, kienet iżżomm torċa, batterija ta’ 9 volts, kit tal-ħjata (fil-każ li l-barżakka ta’ Chris kellha titqatta’), inch-tape, tliet paper-clips, erba’ molol tal-widnejn u sikkina tingħalaq, li dejjem kien ikollhom bżonn waqt li kienu jagħmlu l-kampeġġ.
Sfortunatament, Eliżabetta u Chris ma kellhomx tfal, allura kienu jgħixu minn jum għal ieħor. Fil-basket li kien mimli b’tant affarijiet differenti, hi kellha wkoll post żgħir fejn tqiegħed il-portmoni tagħha, u fih kienet titfa’ muniti u flus karti.
Ġurnata waħda, waqt li kienu ‘l bogħod ħafna mid-dar, Eliżabetta mardet serjament ħafna w minn dakinhar ‘l hemm kellha tibqa’ mixħuta fis-sodda l-ħin kollu. Fil-fatt, id-dinja mardet ma’ Eliżabetta w in-nies ma setgħux iktar iżuru lil xulxin jew ikantaw flimkien bil-kitarra madwar in-nar tal-kampeġġ. Minflok, bagħtu lil Eliżabetta ittri w kartolini, jirrakkuntawlha stejjer fuq ħajjithom u l-avventuri li kien ikollhom. Chris kien jaqralha l-korrispondenza kollha waqt li Eliżabetta kienet tkun fis-sodda, u kien juriha minn fejn kienu ġew l-ittri kollha billi kien juriha b’sebgħu l-post fuq il-mappa tiegħu li kien joħroġ minn ġol-barżakka.
L-iktar ħaġa importanti kienet li t-tnejn li huma qatt ma kien jitlaqhom dak is-sens ta’ umoriżmu li kellhom, l-anqas għal mument wieħed. Avolja kienet bilfors miżmuma fis-sodda, Eliżabetta kienet dejjem għaddejja b’xi xogħol li jinqala’. Irranġat bil-ħjata kull ma kien hemm bżonn bil-makna tal-ħjata tagħha. Meta ma kellhiex saħħa, iddeċidiet li tuża l-flus kollha li kienet faddlet fil-portmoni tagħha biex tixtri biċċa art kbira. Irnexxielha tixtri xi art minn fuq l-Internet imma qatt ma rnexxielha tmur taraha għax kull ma jmur iż-żmien, kienet qed isir dejjem iżjed dgħajfa. Biex tevita li toqgħod taħseb fuq il-marda tagħha, hi u Chris saħansitra bdew jippjanaw kif jistgħu jużaw dik l-art u x’jibnu fuqha. Saħansitra sabu isem sabiħ għaliha – L-ART TA’ ELIŻABETTA.
B’dieqa, Eliżabetta qatt ma rnexxielha tara dik l-art li kienet xtrat.
Imma Chris, bil-mappa f’idejh, qabad u telaq fis, eżatt kif kien imdorri jagħmel magħha, ħlief li, din id-darba, kien waħdu. Mar l-ART TA’ ELIŻABETTA. Difen dak il-basket li Eliżabetta tant kienet tħobb, taħt ġebla kbira u madwaru żera’ żafżafa tal-biki. Kien jiftakar b’eżattezza in-numri tal-oġġetti differenti li Eliżabetta kienet iżżomm u ġġorr magħha fil-basket. Kien jiftakarhom f’sekwenza speċjali li kienu jaqblu ma xi coordinates fil-mappa tiegħu fi gradi, minuti w sekondi: 51*07’47”Ni19*33’41”E.
Il-ħbieb ta’ Eliżabetta w Chris żergħu fjuri w siġar madwar il-ġebla li taħtha kien midfun il-basket tagħha. Madwar din il-ġebla kiber bħal bosk sabiħ, qisu tal-istejjer. Il-frott mis-siġar kien jintuża biex jagħmlu ġammijiet, imbejjed u ġuleppi. Post speċjali f’dak il-bosk kien magħżul għan-nar tal-kampeġġ, biex in-nies kienu jkunu jistgħu jinġabru w ikantaw bil-kitarra, kif kienet tagħmel Eliżabetta.
Sal-ġurnata ta’ llum, il-ħbieb għadhom iżuru dak il-post, u waqt li jkunu bilqegħda madwar in-nar tal-kampeġġ, kienu sikwit jaraw l-ajruplan ta’ Chris iċaqlaq il-ġwienaħ waqt li kien itir fuq rashom, b’sinjal li ma kienx nesiha lil Bettina.
Is-snin igerbu, u d-dinja għadha qed tinbidel. Is-siġar qed jikbru iżjed mal-medda taż-żmien u l-bandli marbuta mal-fergħat qed jogħlew iktar ‘l fuq. It-tfal li b’xi miraklu kienu jsibu ruħhom f’dak il-bosk ħdejn il-ġebla, kienu jaħsbu f’xi oġġett li kienu jixtiequ jitfgħu fil-basket ta’ Eliżabetta, midfun taħt saqajhom. Xi tip ta’ oġġett li jkun ta’ ħtieġa għalihom f’sitwazzjoni diffiċli w għall-għarrieda.
U int? X’kont tagħżel li titfa’ fil-basket?
Trans. Franco Farrugia